Is-Sehem tas-Salesjani fit-teatru Malti

Meħuda mill-pubblikazzjoni ‘It-Teatru f’Malta’ bil-kortesija ta’ Mario Azzopardi u l-Pubblikazzjonijiet Indipendenza – PIN

Id-diskorsi teatrali jesprimu dak kollu li jkunu qegħdin iġarrbu l-karattri u jindikaw xi mġiba jridu jaddottaw dawn il-karattri fix-xibka ta’ relazzjonijiet li jkollhom ma’ xulxin. Ma’ dan inżidu li t-teatru huwa frott ta’ ħidma intellettwali li tqis skopijiet kulturali fil-mixja ta’ nazzjon, għax bħala mezz ta’ komunikazzjoni jsaħħah attitudnijiet u jippromwovi oħrajn ġodda fit-tiswir ta’ identitá. U għax it-teatru għandu skopijiet kulturali u kapaċi juri l-mentaliá tan-nies kif magħġuna maż-żmien, it-talent lokali għandu jitħeġġeġ kontinwament u mhux jixxekkel. Ikun tradiment kulturali meta xi ħadd ixekkel lill-awtur Malti u jagħlaqlu l-bieb tat-teatru biex xogħlu jitwarrab minn fuq il-palk. Bħala arti naħsbu li d-drama tnisslet mill-istint naturali li l-bniedem għandu biex jimita xi aspetti tal-ħajja vera, l-aktar dawk l-aspetti marbutin mar-ritwali li jinvolvu l-għana, iż-żfin u t-tlibbis tal-maskri għal skopijiet ta’ imitazzjoni u ħabi ta’ identitá. Hemm rabtiet ewlenin mal-folklor u d-drawwiet reliġjużi, u jidher li d-drama taf l-oriģini tagħha minn aktar minn rit wieħed.

Mat-tgerbiba taż-żmien it-teatru baqa jimita l-ħajja imma baqa’ jitqies dejjem bħala arti. Is-sentimenti u l-għemejjel umani kellhom jixbħu ‘l dawk veri sakemm jippermettu l- kundizzjonijiet tat-teatru. Maż-żmien ukoll insibu distinzjoni bejn it-teatru għad-divertiment biss u t-teatru li jwassal għarfien fil-ħajja waqt li jesponi l-problemi tal-ħajja. Dan ta’ l-aħħar, jigifieri t-teatru li għandu għan serju, x’aktarx li akkwista prestiġu aktar mill-ieħor f’għajnejn is-soċjetá għax it-teatru serju huwa impressiv ħafna meta hemm imħuħ maturi. Imma tajjeb inżommu f’moħħna li t-teatru tal-gost huwa drammatiku wkoll, u ż-żewġ għamliet influwenzaw lil xulxin, tant huwa hekk li fit-teatru serju nsibu elementi ta’ divertiment u fit-teatru l-ieħor (pereżempju fil-fares) spiss niltaqgħu ma’ xi tagħlima. It-tlaqqigħ taż-żewġ għamliet sar popolari wkoll u t-teatru beda jagħti gost biex jgħallem. It-teatru b’motivi reliġjuzi inxtered fil-bliet u l-irħula kollha ta’ Malta. Il-promoturi ewlenin li stutturaw dan it-tip ta’ teatru fil-bidu tas-seklu għoxrin kienu s-Salesjani ta’ Dun Bosco, li waslu Malta fl-1904. Wieħed mill-pijunieri Maltin li emmen fit-teatru reliġjo-edukattiv organiżżat kien Alfons Maria Galea (1861-1941).

Bit-twaqqif tal-Juventutis Domus f’Tas-Sliema u l-ftuħ tat-teatru fl-1908, Galea “ried joħloq għajn ta’ tagħlim għall-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ”. Għall-apertura uffiċjali tat-teatru (li mbagħad baqa’ magħruf, bħala t-Teatru Salesjan) f’Malta kien wasal Dun Rua, l-ewwel suċċessur ta’ Dun Bosco, il-pijunier li kien jemmen bis-sħiħ “fir-rivelazzjoni tat-tfal permezz tal-logħob teatrali” u dik li hu kien isejħilha “I-pedagoġija tal-espressjoni”. Alfons Maria Galea mexa fuq il-ħsieb li “t-teatru hu għajn ta’ tagħlim u mill-istamperija tas-Salesjani stess, beda jippubblika serje ta’ drammi zgħar bħala parti mill-kullana popolari tiegħu, Kotba tal-Mogħdija taż-Żmien. Galea bbaża wkoll fuq it-teoriji konvenzjonali ta’ żmienu, fosthom dawk ta’ Cesare Cantú dwar il-liċenzja tat-teatru “biex jikxef il-bluhat kollha tal-bniedem bla ħadd jista’ jeħodha miegħu”.

Bħala koordinatur teatrali s-Salesjani fl-1908, kienu appuntaw lil Dun Antonio Urso, saċerdot b’xeħta kożmopolitana li jidher li mar lil hinn mill-objettiv tat-teatru pedagoġiku: meta Urso beda jinvolvi lix-xebbiet u n-nisa tal-komunitá tal-madwar, ikkarga l-għajdut u ntbaghat lura lejn Sqallija. Warajh wasal Dun Vincenzo Allegra li fforma l-kumpanija San Ginesio, il-protettur ta’ l-atturi tal-palk. Fis-snin sebgħin din il-kumpanija ħadet xerja ġdida u bidlet isimha għal dak li sal-2017 kienet tissejjaħ Atturi Salesjani.

It-Teatru Salesjan maż-żmien issaħħah, infiltra sew fil-komunita’ u l-esperiment bikri ta’ Dun Urso kien vindikat, filwaqt li kien stabbilit repertorju sekulari li ġibed pubbliku numeruż. Is-Salesjani wessgħu il-programm tad-divertiment biex sas-snin ta’ wara t-Tieni Gwerra beda jinkludi kunċerti orkestrali, spettakli tal-kant popolari u kunėerti liriċi.

Fl-1933 kien ġie lura Malta minn Sqallija Bro Carmelo Galea (1890-1973) flimkien ma’ Dun Scravaglieri. Bro Galea (magħruf aktar bħala s-Sur Galea) kien jittraduċi ħafna produzzjonijiet. L-oriġinalitá u kreativitá li kellu spikkaw ħafna fil-publikazzjoni tiegħu ta’ ktieb zgħir b’poeziji Maltin li bihom wera l-perċezzjoni u l-apprezzament tiegħu lejn il-ħajja u l-għageb tan-natura. Għalkemm l-għan tiegħu ma kienx perfezzjoni fil-letteratura, ix-xogħolijiet tiegħu kienu kontribuzzjoni xierqa għall-letteratura Maltija u kienu t’ispirazzjoni għal ħafna nies, imma fuq kollox kienu ta’ valur kbir edukattiv. Huwa kiteb għadd kbir ta’ drammi, kummiedji, libretti għall-operetti, kanzunetti u makkjetti bil-versi u l-mużika kollox tiegħu. Fiż-żmien meta ċ-ċinema ma kienx għadu jeżisti f’pajjizna, t-Teatru tas-Salesjani f’Tas-Sliema kien magħruf ma Malta kollha għall-produzzjonijiet ta’ divertiment li kien joffri, dejjem għax-xogħol siewi ta’ Bro Carmelo Galea.

Konnessi mill-qrib mat-teatru tas-Salesjani kien hemm ukoll fost oħrajn nies bħal Manwel Bugeja, Nosi’ Ghirlando, Johnny Navarro u Charles Izzo, b’dawn it-tnejn ta’ l-aħħar iwaqqfu kumpanija tagħhom (Izzo-Navarro) għal spettakli fit-Teatru Gaiety f’Tas-Sliema. Navarro (1912-1997) kiseb reputazzjoni bħala komiku ta’ klassi u ta’ statura nazzjonali, filwaqt li Izzo (1912-1986) ipproduċa xogħol prolifiku oriġinali, orjentat l-aktar fuq tendenżi urbani minbarra li ħalla marka għall-enerġija tiegħu bħala attur f’partijiet bil-Malti, l-Ingliz u t-Taljan.

Sadanittant, is-Salesjani kienu estendew l-attivitá teatrali f’Għawdex, meta fl-1934 ħolqu d-Don Bosco Dramatic Company. Sa l-1947, din il-formazzjoni kienet taħdem f’diversi swali fir-Rabat, sakemm il-komunitá Salesjana bniet oratorju ġdid b’teatru li jesá udjenza ta’ 600 persuna.

Fi ħdan il-komunitá f’Għawdex twaqqfet ukoll kumpanija għat-tfal subien, imnebbħa mill-figura reliġjuża ta’ Domenico Savio. Ghal ħafna snin, l-attivitá tas-Salesjani b’risq it-teatru formattiv f’Għawdex kienet għal kollox dominanti u dan kien kompatibbli mal-programm soċjo-reliġjuż tal-Knisja fejn jidħol id-divertimnt kontrollat.

Subscribe to receive the latest updates