In light of recent events concerning the COVID-19 pandemic, and the interest of our patrons, staff and performers, Teatru Salesjan will be postponing all public events until further notice.
New dates for the performances will be announced shortly. Should you have any queries, please contact our events administrator Francesca on francesca@tsmalta.com.
We hope to see you at our theatre very soon. Keep safe!
Fis-sena 1943 nibtet l-idea ta’ purtiera ġdida tal-bellus għat-Teatru Salesjan biex tieħu post is-separju magħruf bħala ‘Ad Fratres’ li kien ilu jintuża sa mill-inawgurazzjoni tal-Juventutis Domus fis-7 ta’ Mejju tas-sena 1908. Ir-raġuni għal dan it-tibdil kienet il-ħtieġa li nħasset biex it-Teatru jieħu dehra oħra skont iż-żmienijiet u fl-istess waqt titwarrab il-problema li ta’ spiss kienet tinqala fit-tlugħ u l-inżul tas-separju. Ic-’Circolo Don Bosco‘ kienet l-għaqda ghall-membri tal-Juventutis Domus. F’waħda mill-laqgħat tal-kumitat, barra li kien qed jiġi msawwar programm għall-ewwel quddiesa solenni ta’ Dun Ġużepp Borg (li kienet ser issir fil-Kappella ta’ l-Oratorjuwara li kien ġie ordnat saċerdot fil-Katidral tal-iMdina fl-1 t’Awwissu 1943), intlaqet ukoll proposta minn xi atturi anzjani biex flok ix-xena ssir purtiera tal-bellus kif wieħed jara f’teatri kbar. Għal dan il-għan kienu ħafna mill-membri li taw is-sehem tagħhom biex inġabru l-flus meħtiega biex din il-purtiera ssir. Toninu Debattista li għamel snin twal segretarju tal-għaqda ħa ħsieb biex jorganizza l-proġett.
Fi tmiem il-laqgħa Bro. Karm Galea (Kudjatur Salesjan u li konna nsejħulu s-Sur Galea) resaq fuqi biex ngħidlu jekk nistax nirrikmanda lil xi ħajjat tajjeb u niffrankaw il-flus ukoll. Tagħni x’naħseb li billi kien jaf li missieri kien ħajjat ta’ esperjenza u f’Tas-Sliema kienu ħafna li jafuħ għall-mistier tiegħu, kien ser jitolbu biex jieħu f’idejħ dan ix-xoghol tal-purtiera. Jien kont żgur li missieri ma kienx ser jaċċetta għax minbarra l-ħwienet għall-pajzana kellu wkoll il-kuntratti tal-ħjata tal-militar.
Intant kien hawn li jiena offrejt li nieħu l-inkarigu u tlabt biex ikolli f’idejja l-materjal kollu meħtieg biex nibda x-xogħol kmieni kemm jista jkun. Dak kien iż-żmien meta jiena kien ghad għandi 18-il sena u kont impjegat mas-servizzi navali. Il-ħjata kienet biss delizzju għalija.
Bro Galea kien xi ftit jew wisq xettiku jekk kellix niġi avdat għal biċċa xoghol hekk kbira. Il-biża tiegħu kienet jekk qatt f’xi waqt inħassar id-drapp tal-bellus li kien ser iqum ħafna flus. Kien ukoll tkellem ma missieri biex ikun jaf sa fejn twassal il-kapaċità tiegħi. Missieri minn naħa tiegħu taħ il-kelma fil-preżenza ta’ Alfred Pullicino u Oreste Vassallo li kien ser jagħmel tajjeb għal xi nuqqas li seta jinqalgħa. Fl-laqgħa li kienet saret għall-membri kollha fit-Teatru, u li għaliha konna numru kbir preżenti, kienu saru għadd ta’ suggerimenti siewja dwar ix-xiri tal-materjal u l-ġbir ta’ flus għall-ispejjeż.
Il-flus kollha nġabru f’qasir żmien mhux biss minn fost il-membri taċ-Circolo Don Bosco iżda wkoll minn ħafna ħbieb li kienu jattendu t-teatru regolarment. Kull min seta offra £1.2s.6d (Lm 1.125). Id-drapp inxtara mid-ditta Camilleri (Paris Mode) ta’ Triq il-Merkanti l-Belt Valletta. Minn għand il-Militar, bil-permess tal-Kap Kmandant tar-Royal Ordinance Corp, Ġużeppi Cordina, li kien ġie mistieden għal wahda mill-attivitajiet tas-Salesian Boys’ Brigade, rnexxilu jakkwista tliet tined biex il-kanvas tagħhom jintuża bħala nforra tal-purtiera. Is-Sinjorina Ġuża Aquilina ipprovdiet il-ħarir ghal erba’ pavaljuni filwaqt li Dun Ġużepp Borg ipprovda l-frenza li tgħaqqadhom. Ġużeppi Cordina kien attiv ukoll fl-Għaqda San Guzepp li kien jieħu ħsieba Robbie Farrugia. Carmelo Borg Debono, pittur ta’ klassi, ħalla hafna xogħolijiet tiegħu li bihom sebbaħ il-palk tas-Salesjani. Pitter il-pavaljuni u l-istrixxi koħol tas-satin kemm tal-purtiera kif ukoll taċ-ċellin. Xogħol ieħor tiegħu kien fuq il-bellus ta’ fuq is-suġġiera bl-inizjali S.G. u t-tapit tul ir-ribalta. Għamel ukoll xogħol bl-arkett ta’ l-inizjali S.G. (San Ginesju li kien l-isem tal-kumpannija teatrali tas-Salesjani) li tinsab fin-nofs taċ-ċellin il-fuq mill-purtiera.
Bdejt inħejt il-purtiera għall-aħħar ta’ Ġunju 1944, sitt snin wara li bdejt niffrikwenta l-Oratorju (13 ta’ Lulju 1938) u nieħu sehem attiv kemm fuq il-palk kif ukoll fis-Salesian Boys’ Brigade. Kif spiċca l-istaġun teatrali dik is-sena twarrbu s-siġġijiet tal-ħadid mill-plateja biex setgħa jkun hemm il-wisa kollhu biex inkun nista naħdem u nifrex ix-xogħol ma’ l-art u nara dejjem li nkun qed naqbel mal-qisien. Għax-xogħol tal-ħjata nqdejt b’magna li kienet tintuża mill-ħaddiema ta’ missieri biex fuqha jiksu bil-khaki l-elmijiet tas-sufra li kienu jintużaw mis-suldati fis-sajf. Minbarra x-xogħol fuq il-magna sar ħafna xogħol bl-idejn peress li x-xogħol fuq il-bellus huwa xi ftit jew wisq dellikat.
Meta l-ewwel nofs tal-purtiera kien komplut minn kollox u ddendel fil-post kont sodisfatt li kollox ġie kif kellu jkun. Meta lestejt in-nofs l-ieħor jiena ma kontx preżenti meta ġie mdendell però stennejt li jkun hemm xi varjazzjoni fit-tul tal-purtiera meta jistrieħ il-materjal. Meta l-għada mort fit-teatru fil-fatt sibt dak li kont stennejt għax ried jitqassar daqs nofs pulzier biex il-faxxa tas-satin li hemm fuq il-purtiera tigi indaqs. Kien ta’ sodisfazzjon ghalija li sibt jilqawni bi kliem ta’ apprezzament lil Dun Karm Fenech, Dun Ġwann De Giorgio u Bro Karm Galea flimkien ma xi membri oħra attivi li kienu jagħtu s-sehem tagħhom fil-ħidma tal-palk.
Persuna oħra li tibqa mfakkra għall-kontribut siewi tagħha huwa Angelo Camilleri li ħadem ir-roti tal-bronz bil-joints tar-ramm aħmar biex jilqgħu għall-piz tqil tal-purtiera u biex iċ-ċaqliq tagħha jkun b’ħeffa fuq it-travett. Xogħol magħmul b’ċerta preċiżjoni kif titlob is-sengħa ta’ fitter li għaliha Camilleri kien magħruf sewwa fit-Tarzna Navali ta’ Malta. Li ma niftakarx huma l-ismijiet taż-żewg bennejja u l-perit inkarigat li waħħlu t-travett mal-arkitrav fuq wara l-faċċata tal-palk, xogħol li kien sar il-Ħadd filgħodu b’certa eżattezza biex ma jkunx hemm l-iċken moviment fuq il-pittura tal-faċċata. Ix-xena ‘Ad Fratres’ li kienet qed jintuża qabel ma twaħħlet il-purtiera ġiet imdendla fuq wara nett tax-xenarju u niftakar li darba kienet intużat waqt ‘gara katekistika’.
Il-Ħadd 22 t’Ottubru 1944 fl-erba’ ta’ wara nofs-in-nhar il-purtiera l-ġdida kienet tbierket mill-Isqof Mons. Emmanuel Galea u nfetħet għall-ewwel darba fill-ftuħ tal-istaġun teatrali bid-dramm ‘Ward tal-Orjent‘ kitba ta’ Bro Kam Galea. F’dan id-dramm minbarra li hadt parti prinċipali kelli sehem sewwa wkoll fil-ħjata tal-vestwarju li ntuża. Dakinhar għall-okkażżjoni kienet ħadet sehem ukoll l-orkestra Strauss (tas-Salesjani) taħt it-tmexxija tas-surmast tagħha Alberto Manche’.
Fl-2020, hekk kif fit-Teatru Salesjan bdew xogħolijiet ta’ rikostruzzjoni, il-purtiera prinċipali (is-separju) tneħħiet u tqegħdet fil-ħażna. Meta jerġa jinfetaħ it-teatru ser tintuża purtiera ġdida li taqbel aktar max-xejra ġdida li ser tingħata lis-sala.